Il-Park tal-Mitħna ta ħajja ġdida lil żona li għal snin twal serviet bħala barriera u maż-żmien inġemgħu madwar 20,000 metru kubu ta’ skart tal-kostruzzjoni. Din iż-żona issa ġiet trasformata f’park ta’ 7,000 metru kwadru għat-tgawdija ta’ kulħadd b’żona apposta għall-klieb.
Il-park, li jinsab fl-Imqabba f’żona li tmiss mal-Qrendi, ġie inawgurat mill-Ministru Miriam Dalli u l-Ministru Keith Azzopardi Tanti waqt avveniment li għalih attendew ukoll numru ta’ residenti u diversi għaqdiet lokali flimkien mal-Kunsilli Lokali tal-madwar.
Il-Park tal-Mitħna ġie ddisinjat b’tali mod li dawk li jżuruh, fosthom it-tfal, iħossuhom f’ambjent sigur u eqreb tan-natura. Il-park jinkludi wkoll ‘bug and bee hotel’, mejda tal-ping pong, żoni naturali għal-logħob tat-tfal u korsiji għar-roti, kif ukoll faċilitajiet sanitarji.
Iż-żona għall-klieb, hija maqsuma fi tnejn biex tissepara klieb żgħar minn dawk ikbar, fejn jistgħu jiġru u jilagħbu f’ambjent sigur u addattat għalihom.
Dawn il-faċilitajiet joffru lill-familji diversi modi kif iqattgħu ħin flimkien fil-beraħ, kemm permezz tal-logħob u attività fiżika, kif ukoll spazju ta’ mistrieħ.
L-interventi ambjentali kienu parti ewlenija mit-trasformazzjoni tas-sit. Minflok it-terrapien li kien hemm qabel, tħawlu 300 siġra u aktar minn 3,200 arbuxxell. Inbena wkoll ġibjun biex jilqa’ l-ilma tax-xita, li mbagħad jerġa’ jintuża għat-tisqija tal-Park.
“Il-Park tal-Mitħna huwa eżempju ieħor ta’ kif qed inwettqu l-wegħda tagħna li noħolqu aktar spazji miftuħa għall-familji, fejn it-tfal jistgħu jilagħbu, iż-żgħażagħ ikunu attivi u r-residenti jsibu post fejn jistrieħu u jgawdu l-ambjent ta’ madwarhom. Dan huwa l-investiment li rridu nkomplu nagħmlu fil-kwalità tal-ħajja tan-nies. Kif ħabbarna fil-Budget 2027, qed inkomplu nsaħħu l-impenn tagħna favur aktar spazji miftuħa. Se nibqgħu naħdmu biex inkomplu nagħtu lura lin-nies aktar spazji fejn jistgħu jgawdu l-ħin mal-familja, qrib fejn jgħixu. Għalina, l-investiment fl-ambjent huwa investiment dirett fil-familji Maltin u Għawdxin, fil-komunitajiet tagħna u fil-kwalità tal-ħajja li rridu nħallu lill-ġenerazzjonijiet futuri,” qalet il-Ministru Miriam Dalli.
Il-Ministru Keith Azzopardi Tanti saħaq li t-trasformazzjoni minn barriera għall-Park tal-Mitħna turi kif il-fondi Ewropej qed jissarrfu f’investiment li jtejjeb il-ħajja tal-familji. “B’investiment ta’ aktar minn €2 miljun, kofinanzjat minn fondi Ewropej, qed nagħtu ħajja ġdida lil din iż-żona fl-Imqabba u nressqu n-natura aktar qrib in-nies. Għalina, il-progress jitkejjel ukoll minn kemm il-familji jkollhom spazji fejn jistrieħu u jqattgħu ħin ta’ kwalità ma’ wliedhom. Se nkomplu nidderieġu l-fondi Ewropej lejn proġetti li jwieġbu għall-ħtiġijiet tal-komunitajiet tagħna u jħallu ambjent aħjar lill-ġenerazzjonijiet li ġejjin,” qal il-Ministru.
Iċ-Chief Operations Officer minn Project Green, Beverley Costa rrimarkat kif il-Park tal-Mitħna huwa attrezzat biex ikompli jippromwovi s-saħħa fiżika. “Il-Park tal-Mitħna joffri lill-familji post fejn jistgħu jieqfu mir-rutina ta’ kuljum, jirrilassaw u jqattgħu ħin flimkien, filwaqt li t-tfal jilagħbu f’ambjent sigur u modern. F’dan il-proġett għaqqadna l-ħarsien tal-ambjent mar-rikreazzjoni, biex ħloqna spazju li jħeġġeġ lin-nies iqattgħu aktar ħin fil-beraħ u eqreb lejn in-natura,” qalet Beverley Costa.